1. Fulapp!

    Ok, din ma ġratx lili. Xi snin ilu, ħabib tiegħi qalli li ġrat lil ħabib tiegħu, għalhekk ejja ngħidu li hi leġġenda urbana

    Mela darba, hekk kif ix-xufier startja l-karozza tal-linja biex jibda l-vjaġġ minn ġo Putirjal u se jibda miexi, ġie raġel bil-ġirja biex ilaħħaq mal-karozza, u rnexxielu jirkeb. Iżda bilkemm kien għadu tela’ fuq l-istaffa, għax ix-xufier laqgħu b’leħen oħxon u assertiv: Fulapp.

    Qabel ma nkomplu, wieħed irid jifhem illi karozza qatt ma toħroġ minn ġo Putirjal mgħobbija bin-nies bilwieqfa. Dan isir ħalli jifdal l-ispazju għal min ikun qed jistenna fuq l-istages tal-Furjana u tal-Bombi. U f’dil-karozza partikolari, is-seats kienu kollha meħudin. Allegatament, il-biċċa kompliet hekk…

    Ir-raġel wieġbu U ejja… mgħaġġel…

    Ix-xufier tenna Fulapp!

    Iżda milli jidher, dar-raġel, il-karozzi li jkunu veru full up kien jaf sew kif ikunu, għalhekk konvint li x-xufier kien qed jitnejjek bih, rabba daqsxejn tal-arja u sfidah: Mhix full up!

    Imma dat-ton xejn ma niżel tajjeb max-xufier, li ormaj kienet bdiet taqbiżlu sew. B’leħen għoli, se jisplodi l-aħħar, wissih Għedtlek fulapp!!

    U ej…U fl-aħħar lix-xufier qabżitlu l-Ostja, u b’leħen ifarrak il-blat għajjat: INT TIFHEM BIL-MALTI?? FU,   LAPP!!!!