Jiena u nqalleb fl-Internet sibt dal-komponiment miktub minn tifla għall-eżami tal-Junior Lyceum. Nispera li daħlet!
Fuq il-karozza tal-linja
Jiena mhux l-ewwel darba li rkibt fuq karozza tal-linja. Il-karozza tal-linja fiha l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha, iżda tajjeb jew ħażin dejjem tinqeda biha.
Bħala prezz m’għandix x’ingerger għax mhux għali, iżda xi xufiera jżommu iktar milli suppost għax ċerti tfal ikunu naqra itwal mill-oħrajn u jaħsbuhom ta’ età ikbar. Ngħid għalija ninqeda tajjeb ħafna, u naħseb li ħafna nies jaħsbuha bħali għax min ma jkunx isuq jista’ jmur fejn irid permezz tal-karozza tal-linja.
Dan huwa mezz ta’ trasport tajjeb ħafna u li jista’ jużah kulħadd; tfal, żgħażagħ, xjuħ, min jaf isuq, min ma jafx, insomma kulħadd. Hawn xi karozzi li jiġu kull ħames minuti, oħrajn kull nofs siegħa, mhux kollha l-istess ħin. Biex tkun taf il-ħinijiet jaqbillek tagħti titwila lejn it-tabelli li jkun hemm fl-istages fejn tistenna.
L-agħar ħin biex tirkeb huwa filgħodu. Tgħidx kemm iddum tistenna biex tirkeb waħda, għax jew toqgħod tistenna jew tirkeb waħda mimlija u toqgħod bil-wieqfa.
Li toqgħod bil-wieqfa jista’ jkun skomdu imma jista’ jaqbillek. Qed ngħid dan minħabba li ġieli s-seats ikunu mqattgħin u tħoss il-molol taħtek. Imma l-karozza tal-linja ddejjaqni l-aktar meta tkun maħmuġa u meta x-xufier ikun supperv u tarah jgħajjat ma’ kulħadd. Imma ġieli jkun dħuli u ta’ qalbu f’idu.
Kollox ma’ kollox nasal li ngħid li l-karozza tal-linja togħġobni ħafna. Ngħid ukoll li meta ommi tgħidli li sejrin bil-karozza tal-linja nkun ferħana se ntir u nistenna l-ġurnata tal-ħruġ b’ħerqa kbira.