1. Tensjoni

    Xi sena u nofs ilu, kont il-Belt f’xi l-għaxra ta’ flgħaxija nistenna ’l-aħħar karozza għal San Pawl il-Baħar. Imma l-karozza li konna se nirkbu fiha kienet għadha trid tasal… u ġmielha bdiet tittardja. Innutajt li kien għaddej xi diskors bejn ix-xufiera u d-dispatchers, u mort nistħarreġ. Saqsejt lil dispatcher fiex ħin kienet se tasal, u jekk kenitx se tasal… u dan weġibni: Jien naf?

    Insomma, milli kien jidher ix-xufier li kellu jagħmel il-vjaġġ għal San Pawl iddeċieda li ma kienx se jagħmlu, u kien se jibilgħu xufier ieħor li kien għad kellu jasal bil-karozza minn vjaġġ ieħor. U dan fl-aħħar wasal, mingħalih li għal dak inhar kien lest. U xħin għarrfuh li ma kien lest xejn, u li bħall-kornut kellu jerġa jitla’ San Pawl il-Baħar u jerġa’ lura, u illi x-xufier l-ieħor, bażikament, kien reddagħhulu, dan inkorla waħda u sew. Insomma… wara ħafna pprotestar eretiku, irriżulta li dal-vjaġġ kien se jkollu jagħmlu hu… u beda jgħabbina.

    Issa jien kont inzertajt ma kellix flus żagħar għajr 1c u 2c-ijat, u jien u nistenna, minn dawn kont għaqqadt 20c f’mazz ċilindriku pulit, bit-twos taħt u l-ones fuqhom, biex lix-xufier ma ntihomlux ponn żagħar f’idejh u jibgħatni nixxejjer. U issa, bilwieqfa fuq l-istaffa nistenna ’l ta’ quddiemi jaqta’ l-biljett, stajt nara li x-xufier kien indannat sew. Mess lili, qatagħli u tani l-biljett, u b’denbi taħti mort biex inħallsu… Sorry, imma dawn biss għandi żagħar…, u jien u nqegħidlu l-mazz żagħar ġo idu, biex mingħalija ntaffiha ftit aktar żidt Għandek eżatt ta’!

    U dan ħares inkreduli lejn il-fidda li qegħidtlu f’idu, imbagħad ħares lejja b’disprezz, u imbagħad indimunjat bla kliem u bla sliem garahom mit-tieqa b’kemm kellu saħħa u ssabbtu mal-bankina u tferrxu mat-triq. Jien issummajt ruħi u lebbitt ’il-ġewwa… u ħadd ma ssogra jiftaħ ħalqu.

    Ħeħħ, biex iżżid, f’ċertu ħin, qisu lejn nofs il-vjaġġ, fuq in-naħa ta’ wara tal-karozza fettillu waqa’ dahar ta’ bank, waħdu, x’aktarx bl-iskossi. U terġa’ fl-iskiet tat-tensjoni li kien għad hemm mill-episodju ta’ qabel, il-ħoss li dan għamel xħin ħabat malart iktar instema’ qawwi. Ta’ quddiem bdew iħarsu lura lejn dawk li kienu bilqiegħda wara, fosthom jien, imma ħadd minna ma lissen kelma, u wisq inqas m’azzarda jiġbru, li ma jmurx jeħel hu.

    Sa San Pawl il-Baħar, skiet perfett.