1. Taħdit

    Ftit xhur ilu tlajt fuq tal-linja filgħodu, u f’kemm ili ngħidlek ħallast u poġġejt quddiem.

    Ftit sekondi wara, nisma’ ’x-xiħ li kien bilqiegħda ħdejja n-naħa l-oħra minn taħt ilsienu jgħid lix-xufier quddiemu: Dan ħallas dan? Għedtlu Int għalija qed tgħid? u gemgem Le, le….

    Mmm.

    Xgħelt ’l-iPod Shuffle ġo widnejja — [Play] — imma wara ftit reġa’ x-xiħ: Dak x’inhu? — [Pause] — Eh? Dak x’inhu, redju? Fffff. — [Off] — Weġibtu Bħal radju, imma tqegħidlu l-mużika li trid. Imbagħad iggustajtu, u qbadt qlajtu minn ġo widnejja, kebbibt il-fiel u tfajtu ġol-but, għax kont naf li għat-tlablib kienet ġejja!

    Marija, kemm hu żgħir!

    Dak tqabbdu mal-kompjuter u tista’ tqegħidlu xi tlett mitt diska!

    Il-Marija!

    Imbagħad bħal speċi xtaq jurini li hu wkoll midħla tat-teknoloġija, u beda jgħidli fuq il-flat screen li kien għadu kif xtara għal 800 ewro, u għedtlu Miċ-ċatti? Isa ħej.

    Qalli Hawn: dak ma tridx tmissu b’subgħajk eh! Għax timmarkah.

    Imbagħad kompla Allura dak veru li ma jagħmillekx ħsara ’l għajnejk? Kif dan?

    Għedtlu Għax dak m’għandux tubu bħal tat-television, allura ma jitfax raġġi, u huma r-raġġi li jagħmlu l-ħsara. Biżżejjed hekk, le?

    Eeeeeh sewwa.

    Marija, għandi n-Net u s-Super 1 qed naqbadhom grainy.

    Għedtlu Insomma, m’int titlef xejn ta!

    Daħaqha. Qalli Hawn, jien qatt ma ħadt xejn minnhom ta! La m’għand il-blu, u lanqas m’għand il-ħomor! Imma l-cable la qed inħallas għalih (u qalli kemm), irridu sew! Eqq, hekk hu.

    Imbagħad f’ċertu ħin f’daqqa qalli: Hawn, rechargeable tixtrix ta! Tixtri xejn rechargeable. Mhux tajbin.

    Għalfejn?

    Għax qed ngħidlek, jien ikbar minnek, u naf. Rechargeable tużax. Mhux tajbin. Naf x’jien ngħidlek. Jien kont niffittja l-pajpijiet L-Ingriterra… F’xogħlu kien juża l-Black and Decker biex jinvita, u insomma… tani xi raġuni għalfejn ir-rechargeable kienu ħżiena. U minn hemm reħielha jirrankontali l-istorja ta’ ħajtu, kif mar jaħdem barra, u ħwejjeġ minn dawn. Qalli wkoll li kellu 75 sena u kien sejjer il-Materdei għal xi ħaġa f’qalbu, u li da’qt kien se jagħmel xi operazzjoni, u għedtlu Good luck.

    F’ċertu ħin minn wara ġie ġuvni barrani biex jinżel, u x-xiħ qabdu minn dirgħajh bħal biex iżommu, u qallu kemxejn bil-goff Wait! U dal-ġuvni għoddu dejjqitu dil-kunfidenza, u qallu mdarras Why, I was going to jump down? Issa li kont tħabbibt max-xiħ, rajtu stupidu ’l dal-ġuvni… sakemm irrealizzajt li ftit minuti qabel lili l-istess reazzjoni kien qanqalli!

    Wasalt biex ninżel. Qalli God bless, u għedtlu God bless lilek!

    Interessanti t-taħlita ta’ passiġġieri tas-675. Tfajliet Russi sejrin l-Università u xjuħ sejrin il-Materdei. U x-xufier, u jien.