1. «Avventura “ħelwa”»

    Kenneth, qarrej ta’ dal-blogg, bagħatli dil-, fi kliemu, avventura ħelwa li ġratlu madwar 9 snin ilu…

    Niftakar kien filgħodu kmieni u kesħa xxoqq il-għadam. Intasabt fuq l-istage (dak iż-żmien kienu għadhom tal-injam u ħadid, miżbugħin bi griż ikrah) u qgħadna nistennew qajla qajla in-numru 8 tiġborna. Fejn noqgħod jien, karozzi rari jgħaddu, u jekk jgħaddu tista’ tqis ruħek b’iffortunat. L-agħar meta tkun ilek xi nofs siegħa tistenna u tiġi xi waħda li rat l-ispitfires tat-Tieni Gwerra Dinjija iġġenġillek il-murliti tal-warrani.

    Imma, insomma. Wara ftit ħin narawha ġejja mil-bogħod… karozza safra mimlija tberfil u fjuri. Ix-xufier deher pjuttost xwejjaħ għalkemm b’wiċċ ta’ despotiku aħrax. Xagħru ħafifa bajda qotna u par għajnejn ċari mberrqin, ħomor u jdemmgħu bħal ta’ chihuahua. Tlajna u bħal ringiela annimali jistennew il-qatla, bdejna nħallsu wieħed wieħed. Meta wasalt biex inħallas jien ilħaqt ħadtlu l-biljett u tfajtlu ċ-ċenteżmi fil-pala t’idu. Bejn bin-ngħas ta’ filgħodu u bejn bil-geġwiġija tan-nies, il-muniti ħarbulu minn idu u spiċċaw fl-abissi u fil-ħmieġ li kull xufier ikollu taħt is-seat. Ix-xufier (kif stajtu timmaġinaw) tani ħarsa t’għafrid u żarrat tnejn bil-madonna. Ġibt naqra kuraġġ u weġibtu lura, għidtlu: Ħeqq mhux int waqqajthom u ġaladarba kelli l-biljett diġà f’idi qbadt u bdejt miexi ’il ġewwa f’tal-linja biex insib post bilqiegħda.

    Probabbli x-xufier ma kienx la mdorri u lanqas kien qed jistenna reazzjoni hekk u bħal spiċċa bla kliem. Jien u sejjer lura f’posti nisimgħu jgħajjat: Le, mhux jien kont! Int waqqajthom!!. Ma tajtx każu u komplejt insib posti. Bir-ragħwa ħierġa minn ħalqu kompla jgħajjat: Fhimtni int? Int waqqajthom…. U meta ra li qisni komplejt ma tajtx każu kompla fetaħ ħanxra daqsiex biex ikun hu li joħroġ ta’ hero quddiem karozza nies li issa qishom bdew jinteressaw ruħhom f’dak li kien qed jiġri: Ara x’qed ngħidlek, m’iniex se nsuq min hawn qabel tiġi u tiġborhomli!!

    Dak il-ħin kont diġà poġġejt bilqiegħda lejn in-naħat ta’ wara tal-karozza u bdejt ninħakem minn ċerta paniku. Kien hemm kulħadd qed jistenna x’ħa jiġri u qisu ħadd mil-passiġġieri ma ried li nibqgħu nistennew hemmhekk għal xi kwarta ħabba s-suppervja tagħna. Għamilt daqs nofs minuta ntella’ u nniżżel x’ħa nagħmel, sakemm kompla jiżvoga u jinbaħ fuq kemm iż-żgħażagħ tal-lum m’għadx baqgħalhom rispetti u kien għoddu tefa’ l-karozza, xi ħaġa li persważ li ħadd mil-passiġġieri ma xtaq għax kienet tfisser it-tmiem tat-traġġit. Wara dik in-nofs minuta, b’ċerta dispjaċir, aċċettajt is-salib tiegħi u qomt minn fuq posti infittxlu dawn il-minuti. B’xorti tajba kienu x’imkien lejn il-magna goffa tal-karozza u ma kelliex ngħaffeġ f’dak iż-żejt jgħakkar li kellu taħt is-seat.

    Xħitthom f’idejh, gerger xi tnejn oħra u jien u sejjer lura f’posti b’denbi bejn saqajja ġbidtlu tnejn bl-organu ġenitali t’ommu minn taħt l-ilsien. Kważi kważi xtaqtu jismagħni, imma ma semagħnix (b’xorti tajba). Rabbejt nervi ta’ bagħal tul il-vjaġġ u xtaqt inpattihielu b’xi mod imma ma stajt naħseb fl-ebda pjan djaboliku f’dak il-ħin bikri tal-ġurnata.

    Inżilt minn tal-linja, dgħitlu xi tnejn oħra (f’qalbi) u għamilt xi nofstanhar bil-geddum.