1. Mara eleganti

    Dalgħodu fuq l-istage iltqajt ma’ mara xiħa, edukata, twila, sabiħa u eleganti.

    Peress li t-tnejn l’aħna konna qed nistennew ’is-675, qbadna nitkellmu fuq hekk, u imbagħad komplejna fuq ħwejjeġ oħra. U l-karozza bdiet tittardja, u hi qisha bdiet titħasseb tilfithiex, u tal-linja bdew jgħaddu qishom pedini tat-tombla sofor u oranġjo… 63, 62, 64, private tal-iskola, 645 (għal naqra!), 67… sa ma fl-aħħar waslet is-675 u rbaħna u li kieku tafu kemm ferħet!

    F’tal-linja poġġejna kważi fejn xuxlin, imma ma kellniex l-opportunità nitħaddtu wisq aktar…

    Però qabel ma kien imissni ninżel, sellimtilha, u bistha fuq ħaddha. U jien u nbusha, b’tbissima fuq fommha liema bħalha, bieset lili fuq ħaddi hi.

    Xi pjaċir!