Showing posts with label stage. Show all posts
Showing posts with label stage. Show all posts
  1. Mara eleganti

    Dalgħodu fuq l-istage iltqajt ma’ mara xiħa, edukata, twila, sabiħa u eleganti.

    Peress li t-tnejn l’aħna konna qed nistennew ’is-675, qbadna nitkellmu fuq hekk, u imbagħad komplejna fuq ħwejjeġ oħra. U l-karozza bdiet tittardja, u hi qisha bdiet titħasseb tilfithiex, u tal-linja bdew jgħaddu qishom pedini tat-tombla sofor u oranġjo… 63, 62, 64, private tal-iskola, 645 (għal naqra!), 67… sa ma fl-aħħar waslet is-675 u rbaħna u li kieku tafu kemm ferħet!

    F’tal-linja poġġejna kważi fejn xuxlin, imma ma kellniex l-opportunità nitħaddtu wisq aktar…

    Però qabel ma kien imissni ninżel, sellimtilha, u bistha fuq ħaddha. U jien u nbusha, b’tbissima fuq fommha liema bħalha, bieset lili fuq ħaddi hi.

    Xi pjaċir!


  2. «Fuq is-Super Rocky»

    Dil-istorja bagħtithieli Stephanie, qarrejja ta’ dal-blogg…

    M’ilux kont fuq l-810, id-diretta mill-Università li tgħaddi minn Birkirkara, tibqa’ sejra Ħ’Attard, Ħad Dingli, u l-bqija. Bħas-soltu, kienet mimlija sa ruħ ommha bi studenti li kellhom seba’ mitt sena biex jaslu d-dar u jfittxu jneħħu minn fuqhom it-toqol psikologiku ta’ ġurnata mimlija lectures. Biex tgħaxxaq ’l Alla, hekk kif tal-linja waqfet fuq l-istage tal-Junior College, telgħu qattgħa ġuvintur u tfajliet oħra ferħanin. Intliet tal-linja u x-xufier tas-Super Rocky (hekk kienet imlaqqma din il-karozza, dejjem skond il-bandiera li kien hemm imwaħħla mad-dashboard) għalaq għajn waħda u tella’ xi ftit tan-nies iktar milli sippost. Jien kont sibt post bilqiegħda quddiem nett, allura kelli nisma’ t-tgemgim kollu tax-xufier, irrid jew ma rridx. Kelli nitpikka wkoll bil-‘pep talk’ ta’ tfajla ma’ wieħed li kilitu b’għajnejha, fi kliem iehor kienet mejta biex toħrog miegħu, allura bdiet tagħmel il-mossi kollha neċessarji (mingħaliha !) biex tisseduċih. Peress li tal-linja kienet full up u ’qas kien hemm fejn taqa’ labra, din ħadet l-opportunità u trasset miegħu, u ma’ kull skoss li jieħu x-xufier, bdiet tersaq iktar qrib tiegħu (b’sormha stampat ma’ wiċċi… x’ferħ!).

    Mela meta tal-linja b’mod mirakoluż irnexxielha tasal fejn St. Luke’s (tajjeb li ngħid li kienet waħda mill-karozzi antiki bil-magna għandha madwar seklu fuqha, u bis-saqaf jirtogħod qisu xi ħadd meta jibda jħoss ħafna bard), kien hemm waħda u għamlet is-sinjal biex tieqaf il-karozza u ttellagħha. Dehret mgħaġġla, għax bdiet ittaptap saqajha mal-bank fuq l-istage, u kellha nervi fuqha li ma ngħidlekx. Xħin id-driver qalilha FULL UP, araha tinfexx fi kredu ta’ dagħa faħxi, u ma ntihiex tort miskina, għax mid-dehra kienet ilha xi nofs siegħa tistenna. Forsi kellha xi interview importanti, jew xi appuntament għal xi check up, minjaf! Imma nsomma, ix-xufier ma ried itellagħha b’xejn. Xħin qabżitlu bl-ikrah, waqqaf il-karozza, qam minn fuq is-seat tiegħu bl-iktar mod mgħaggel li seta’ (skond l-age radar tiegħi, naħseb kien qabiżhom il-ħamsa u ħamsin… forsi anka s-sittin, imma ejja ma nelaborawx fuq dik l-ispekulazzjoni), u qalilha Sinjorina, tgħid m’inix se ntellgħak fuq il-karozza ?! biss biss ’ġà għandi għoxrin bilwieqfa!!! issa ħallini bi kwieti ha nkompli l-vjaġġ! U neħħi n-nervi li għandek ta! Ta’ bniedma sensittiva li jien, bdejt nitħassarha, u bdejt naħseb fuq kemm dax-xufier kien bla ruħ.

    Hekk kif is-Super Rocky reġgħet qabdet timxi bl-ispeed massimu tagħha (ekwivalenti għal bniedem miexi b’pass normali), iddeċidejt li ma nismax iktar qrid ħiereg minn ħalq dik it-tfajla li semmejt qabel, u minflok, dawwart wiċċi lejn it-tieqa, forsi niehu bokka arja mniġġsa (kollox aħjar mill-għeluq u riħa t’għaraq li kien hemm jaqq). Jiena u ndur, għajnejja ltaqgħu ma’ sign li tkun fuq kull karozza tal-linja, imma s-soltu qatt ma ninnutaha u noqgħod naqraha u nifliha. Din is-sign kienet tgħid 36 passengers, 12 standing. Bejni u bejn ruħi għedt, imma d-driver ma qalx li tella’ għoxrin bilwieqfa? (għaddejthom u 20 kien hemm) kif ma għamilx eċċezzjoni għal din ukoll? mhux diġà kien qed jikser ir-regoli? Ngħiduha kif inhi, m’azzardajtx niftaħ ħalqi, għax naħseb kont naqla’ priedka mżejna bid-dagħa mingħand ix-xufier. Allura ddeċidejt li nibqa’ siekta, u xħin wasalt fl-istage fejn ridt nieqaf, daqqejt il-qanpiena, u bla ma lissint kelma, nżilt u erħejtilha lejn id-dar.


  3. Lis-signs ma jagħtux kashom

    In-nies bilwieqfa fuq l-istages li minnhom jgħaddu l-karozzi fid-direzzjoni għall-Belt, ġeneralment tassumi li kull karozza li tgħaddi tkun fil-fatt sejra l-Belt. Ftit huma dawk li jafu li hemm bosta rotot ġodda b’numri eżotiċi bħal 627, 645, 652, 667 jew 675 li jiksru ’l dir-regola.

    Għalhekk, għalkemm is-667 tmur l-Università, ix-xufier xorta waħda jiġi ssinjalat biex iwaqqaf min-nies wieqfa fuq l-istages, stage wara l-ieħor. Kull darba li jwaqqaf, qabel ma jitilgħu javżahom: Din mhix għall-Belt… għall-u’versità. Normalment il-passiġġier iwieġeb lura b’xi Oooo… ta’ diżappunt, u x-xufier isuq ’l hemm u jidgħi xi tnejn b’wiċċ il-Madonna.

    Darba, wara avveniment minn dawn, lix-xufier għedtlu Għax ma twaħħalx karta kbira li tkun tidher minn barra u li tgħid: DIN GĦALL-UNIVERSITÀ, MHUX GĦALL-BELT? Fil-pront weġibni Għax lis-signs ma jagħtux kashom….

    Għedtlu Kif ma jagħtux kashom? Jekk tkun trid tmur il-Belt, u s-sign tgħidlek li mhix għall-Belt, ma tagħtix kasha?

    NO ICE CREAM Qalli Ħa ngħidlek sieħbi, għax int ’qq Alla ma tafx… darba waħħalt NO FOOD NO DRINK u xorta baqgħu jieklu w jixorbu… ma tawx kas dik se jagħtu kas din?


  4. Nadif tazza

    Darba kont ġej mir-Rabat bis-65, u xħin wasalna Tas-Sliema kien għad fadal biss ix-xufier obeż, jien u tfajla mġissma. It-tfajla daqqet il-qanpiena, u x-xufier waqqaf fuq l-istage Bisazza Street. Hi u nieżla l-istaffa tarġa tarġa, ix-xufier kiel u laqqat minn sormha dak li kont ħallejt jien.

    Imbagħad xħin kienet niżlet dar lejja u qalli b’sillabi twal: Kif nerdagħhulha… nillostrahulha!… u imbagħad b’ċaqliqa t’idu bħal kif ileqq id-dawl meta jirrefletti minn fuq xi ħaġa li tkun nadifa tazza, qalli Heeekk inġibulha!