1. «Fuq is-Super Rocky»

    Dil-istorja bagħtithieli Stephanie, qarrejja ta’ dal-blogg…

    M’ilux kont fuq l-810, id-diretta mill-Università li tgħaddi minn Birkirkara, tibqa’ sejra Ħ’Attard, Ħad Dingli, u l-bqija. Bħas-soltu, kienet mimlija sa ruħ ommha bi studenti li kellhom seba’ mitt sena biex jaslu d-dar u jfittxu jneħħu minn fuqhom it-toqol psikologiku ta’ ġurnata mimlija lectures. Biex tgħaxxaq ’l Alla, hekk kif tal-linja waqfet fuq l-istage tal-Junior College, telgħu qattgħa ġuvintur u tfajliet oħra ferħanin. Intliet tal-linja u x-xufier tas-Super Rocky (hekk kienet imlaqqma din il-karozza, dejjem skond il-bandiera li kien hemm imwaħħla mad-dashboard) għalaq għajn waħda u tella’ xi ftit tan-nies iktar milli sippost. Jien kont sibt post bilqiegħda quddiem nett, allura kelli nisma’ t-tgemgim kollu tax-xufier, irrid jew ma rridx. Kelli nitpikka wkoll bil-‘pep talk’ ta’ tfajla ma’ wieħed li kilitu b’għajnejha, fi kliem iehor kienet mejta biex toħrog miegħu, allura bdiet tagħmel il-mossi kollha neċessarji (mingħaliha !) biex tisseduċih. Peress li tal-linja kienet full up u ’qas kien hemm fejn taqa’ labra, din ħadet l-opportunità u trasset miegħu, u ma’ kull skoss li jieħu x-xufier, bdiet tersaq iktar qrib tiegħu (b’sormha stampat ma’ wiċċi… x’ferħ!).

    Mela meta tal-linja b’mod mirakoluż irnexxielha tasal fejn St. Luke’s (tajjeb li ngħid li kienet waħda mill-karozzi antiki bil-magna għandha madwar seklu fuqha, u bis-saqaf jirtogħod qisu xi ħadd meta jibda jħoss ħafna bard), kien hemm waħda u għamlet is-sinjal biex tieqaf il-karozza u ttellagħha. Dehret mgħaġġla, għax bdiet ittaptap saqajha mal-bank fuq l-istage, u kellha nervi fuqha li ma ngħidlekx. Xħin id-driver qalilha FULL UP, araha tinfexx fi kredu ta’ dagħa faħxi, u ma ntihiex tort miskina, għax mid-dehra kienet ilha xi nofs siegħa tistenna. Forsi kellha xi interview importanti, jew xi appuntament għal xi check up, minjaf! Imma nsomma, ix-xufier ma ried itellagħha b’xejn. Xħin qabżitlu bl-ikrah, waqqaf il-karozza, qam minn fuq is-seat tiegħu bl-iktar mod mgħaggel li seta’ (skond l-age radar tiegħi, naħseb kien qabiżhom il-ħamsa u ħamsin… forsi anka s-sittin, imma ejja ma nelaborawx fuq dik l-ispekulazzjoni), u qalilha Sinjorina, tgħid m’inix se ntellgħak fuq il-karozza ?! biss biss ’ġà għandi għoxrin bilwieqfa!!! issa ħallini bi kwieti ha nkompli l-vjaġġ! U neħħi n-nervi li għandek ta! Ta’ bniedma sensittiva li jien, bdejt nitħassarha, u bdejt naħseb fuq kemm dax-xufier kien bla ruħ.

    Hekk kif is-Super Rocky reġgħet qabdet timxi bl-ispeed massimu tagħha (ekwivalenti għal bniedem miexi b’pass normali), iddeċidejt li ma nismax iktar qrid ħiereg minn ħalq dik it-tfajla li semmejt qabel, u minflok, dawwart wiċċi lejn it-tieqa, forsi niehu bokka arja mniġġsa (kollox aħjar mill-għeluq u riħa t’għaraq li kien hemm jaqq). Jiena u ndur, għajnejja ltaqgħu ma’ sign li tkun fuq kull karozza tal-linja, imma s-soltu qatt ma ninnutaha u noqgħod naqraha u nifliha. Din is-sign kienet tgħid 36 passengers, 12 standing. Bejni u bejn ruħi għedt, imma d-driver ma qalx li tella’ għoxrin bilwieqfa? (għaddejthom u 20 kien hemm) kif ma għamilx eċċezzjoni għal din ukoll? mhux diġà kien qed jikser ir-regoli? Ngħiduha kif inhi, m’azzardajtx niftaħ ħalqi, għax naħseb kont naqla’ priedka mżejna bid-dagħa mingħand ix-xufier. Allura ddeċidejt li nibqa’ siekta, u xħin wasalt fl-istage fejn ridt nieqaf, daqqejt il-qanpiena, u bla ma lissint kelma, nżilt u erħejtilha lejn id-dar.